Il-Festa bil-Fondi Ewropej

Artiklu miktub minn Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv ta’ SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Sajf mingħajr il-festi f’Malta u Għawdex ma jkunx sajf. Hekk jgħidu ħafna minna, kemm jekk huma involuti b’xi mod jew ieħor fl-organizzazzjoni tal-festi u kemm oħrajn li jitpaxxew biċ-ċelebrazzjonijiet u l-armar fil-knejjes u barra, bin-nar u l-marċi.

Il-festi jġibu magħhom sforzi kbar matul is-sena, minn ħafna nies, li jintensifikaw fil-ġimgħa tal-festa. Il-biċċa l-kbira ta’ dan ix-xogħol issir minn diversi voluntiera f’diversi għaqdiet f’kull lokalità.

L-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawn il-voluntiera f’diversi għaqdiet, bħall-każini tal-banda, jassiguraw li l-festa tradizzjonali Maltija tibqa’ tiġi ċċelebrata filwaqt li jiġi ppreservat il-wirt uniku u l-identità kulturali tagħna.

Ir-rikonoxximent tal-festa Maltija mill-UNESCO bħala wirt kulturali intanġibbli tal-umanità, ikompli jgħolli l-valur tat-tradizzjonijiet tagħna bħala pajjiż u jirrikonoxxi l-ħidma kbira li ssir matul is-sena kollha.

L-għaqdiet mużikali, fost il-ħafna għaqdiet volontarji jiffaċjaw ħafna sfidi biex jaħdmu matul is-sena u biex iżommu ħaj il-wirt kulturali fl-ibliet u l-irħula tagħna. In-nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji jżommuhom milli jagħmlu iktar għal dak li jemmnu fih.

L-Unjoni Ewropea (UE) tirrikonoxxi l-irwol importanti li dawn l-għaqdiet għandhom fil-komunitajiet tagħna biex jippriservaw u jippromwovu l-kultura li jġibu magħhom il-festi tagħna.

Matul is-snin il-fondi Ewropej intużaw minn ħafna għaqdiet mużikali, li bl-għajnuna ta’ Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) applikaw għal u wettqu proġetti li bihom sebbħu u ġeddew il-każini tagħhom, imma wkoll xtraw tagħmir u strumenti li bihom saħħew it-tradizzjonijiet u l-ħiliet tal-bandisti u l-voluntiera tagħhom. Fl-aħħar ħames snin, SEM għenet lill-għaqdiet mużikali japplikaw b’suċċess għal madwar 25 proġett.

Inizjattiva li bħala SEM qegħdin nagħmlu dan is-sajf tikkonsisti fi żjarat matul il-ġimgħa tal-festa lil dawk l-għaqdiet mużikali li fl-aħħar snin ibbenefikaw minn fondi Ewropej għal proġetti ta’ natura differenti fil-lokalitajiet tagħhom.

B’hekk il-fondi Ewropej jistgħu jintużaw mill-każini tal-banda sabiex jippreservaw u jippromwovu t-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija permezz ta’ inizjattivi differenti.

L-idea hi li l-ewwel nett nippromwovu iktar it-tajjeb li jsir fl-investimenti bil-fondi Ewropej fil-lokalitajiet tagħna, imma wkoll biex nuru li l-għaqdiet volontarji kulma jridu hu li jkollhom idea ta’ proġett u r-rieda li jwettquh. SEM lesta li tagħti l-għanjuna teknika kollha meħtieġa mill-fażi tal-idea tal-proġett sal-applikazzjoni għall-fondi Ewropej u saħansitra kif jimplimentawh.

Il-fondi Ewropej għenu lill-każini tal-banda jirranġaw il-bini tagħhom sabiex ikun jistgħu jsaħħu l-operat tagħhom. Iżda l-fondi Ewropej imorru lil hinn mill-appoġġ għal proġetti infrastrutturali. Fil-fatt, matul is-snin, SEM assistiet lil diversi każini tal-banda u għaqdiet volontarji bħall-Għaqda Każini tal-Banda, biex jiksbu fondi Ewropej għal proġetti mmirati sabiex ikabbru l-għarfien u l-kuxjenza dwar it-tradizzjonijiet tal-festa Maltija maż-żgħażagħ. Diversi mużiċisti żgħażagħ Maltin kellhom l-opportunità li jipparteċipaw fi skambji ma’ żgħażagħ barra minn Malta bl-għan li jkabbru l-għarfien u l-ħiliet mużikali tagħhom.

Għal aktar informazzjoni dwar kif il-fondi Ewropej appoġġjaw diversi inizjattivi tal-każini tal-banda, tista’ tikkuntattja lil SEM fuq sem.gov.mt jew permezz tal-email info.sem@gov.mt jew it-telephone 2779 7300.