Proġetti b’Fondi Ewropej - Rinnovament tal-Uffiċċji tas-Soċjetà Mużikali Beland, Iż-Żejtun

Is-Soċjetà Mużikali Beland taż-Żejtun, bl-għajnuna ta’ SEM kisbet fondi Ewropej mill-programm LEADER għal diversi proġetti fil-każin tas-Soċjetà.

Matul l-aħħar snin, bil-fondi Ewropej saru rinnovamenti fl-uffiċċju amministrattiv, inbidlu aperturi u ġew restawrati gallariji. Inxtara wkoll tagħmir elettroniku modern u għamara għat-tagħlim tal-mużika u għal aktar effiċjenza f'ħidmet il-membri tagħha matul is-sena, b’mod partikolari dawk żgħażagħ.

Numru ta’ Għaqdiet Mużikali fl-aħħar snin ibbenefikaw minn investimenti li saru bil-fondi Ewropej bl-għajnuna ta’ SEM. Permezz ta’ dawn il-proġetti, il-każin tas-Soċjetà jista’ jaħdem aħjar fil-loġistika tal-attivitajiet ta’ matul is-sena, b’mod partikolari l-festa tar-raħal u l-festival mużikali Beland.

Barra minn hekk, il-każin jista’ jgħallem aħjar il-mużika lill-allievi, waqt li l-membri tal-Banda jkollhom iktar spazju fejn jipprattikaw il-mużika li tindaqq fl-attivitajiet pubbliċi tas-Soċjetà.

Dan il-proġett ikompli jsaħħaħ il-kultura u l-kontribut kbir li s-soċjetajiet mużikali jagħtu lill-komunitajiet fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna.