Kompetizzjoni Fotografika: Il-Fondi Ewropej mil-lenti tal-pubbliku

Artiklu miktub minn Faith Spearing – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

F’dawn id-19-il sena li Malta ilha membru fl-Unjoni Ewropa, il-gżejjer Maltin ibbenefikaw minn fondi Ewropej sabiex jissaħħaħ ix-xogħol li kien u għadu qed isir f’oqsma differenti bħall-agrikoltura u s-sajd, l-enerġija, it-turiżmu, u l-preservazzjoni tal-wirt storiku Malti, fost ħafna oħrajn. Dan wassal għal tkabbir ekonomiku u progress soċjali fil-gżejjer Maltin, li tejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, waqt li jagħti esperjenza aħjar lil min iżurna u lil min jgħix magħna.

Ir-riżultati ta’ dawn il-fondi Ewropej qegħdin kollha madwarna. B’mod dirett jew indirett, ilkoll kemm aħna bbenefikajna minn dawn il-fondi. Bħal pereżempju t-toroq li ngħaddu minnhom ta’ kuljum, l-iskejjel li uliedna jattendu, il-ħitan tas-sejjieħ li naraw fil-pajsaġġi u ħafna eżempji oħrajn li niltaqgħu magħhom.

Iżda jista’ jkun li m’aħniex konxji biżżejjed ta’ dak kollu li sar bil-fondi Ewropej matul is-snin.

Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), hija Aġenzija tal-gvern li tipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet relatati mal-fondi tal-UE. L-Agenzija SEM apparti li tagħti appoġġ lill-entitajiet biex japplikaw għal-fondi Ewropej, l-irwol ewlieni tagħha huwa li tkabbar l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-fondi Ewropej għal kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta u f’Għawdex. F’dan ir-rigward, l-aġenzija twettaq bosta attivitajiet ma’ gruppi diversi ta’ nies, minn tfal sa adulti.

F’dan il-kuntest, l-Aġenzija SEM flimkien mal-Malta Photographic Society għadha kif nediet kompetizzjoni ta’ ritratti bit-tema tema, ‘Fondi Ewropej għal kwalità ta’ ħajja aħjar’.

L-għan ta’ din il-kompetizzjoni hu li titqajjem aktar kuxjenza dwar kif il-fondi tal-UE ġew użati f’Malta u f’Għawdex matul l-aħħar 19-il sena ta’ sħubija ta’ pajjiżna fl-UE. Apparti hekk, permezz ta’ din il-kompetizzjoni, jiġu esposti b'mod viżwali u attraenti, il-bosta kontributi li ġabu l-fondi Ewropej, permezz tal-proġetti li ġew implimentati f'Malta u f’Għawdex, fl-oqsma kollha tal-ħajja.

Sabiex jitwassal dan il-messaġġ, kull min hu interessat u għandu aktar minn 16-il sena jista’ jipparteċipa billi jissottometti ritratti ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE taħt it-temi speċifikati. It-temi jkopru diversi setturi differenti bħat-turiżmu, il-kultura, is-saħħa, in-negozju, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ambjent, u l-agrikoltura, fost oħrajn. Il-lista sħiħa ta’ temi tinsab hawn.

Dawk interessati huma mitluba jissottomettu sa erba' ritratti ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE li jaqgħu taħt it-temi rilevanti, b'kull ritratt sottomess jirrappreżenta post jew tema differenti.

Ir-ritratti se jiġu ġġudikati fuq bażi ta’ kif il-proġett ta’ fondi Ewropej joħroġ it-tema tal-kompetizzjoni. Ritratti li joħorġu l-element uman tal-proġett rispettiv ser jingħataw aktar marki.

Wara l-kompetizzjoni, ser jintgħażlu l-aħjar 20 ritratt u jiġu esebiti f’wirja sabiex il-viżitaturi jkunu jistgħu jifhmu aħjar kif il-fondi Ewropej huma investiti fi proġetti f’oqsma differenti, u kif dawn il-proġetti ttrasformaw il-pajjiż b’mod pożittiv.

Dawk li jixtiequ jitgħallmu aktar dwar liema proġetti ġew finanzjati minn fondi Ewropej, jeħtieġ li jżuru fondi.eu għal lista li tinkorpora xi wħud mill-proġetti implimentati b'suċċess. Lista aktar dettaljata tal-proġetti tinsab hawn.

Ir-ritratti għandhom jintbagħtu lill-Malta Photographic Society permezz ta’ din il-paġna. Jekk jogħġbok irreferi għat-termini u kundizzjonijiet u r-regoli tal-kompetizzjoni għal aktar dettalji.

Is-sottomissjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Awwissu, 2023. Sottomissjonijiet li jidħlu wara din id-data u dawk is-sottomissjonijiet li ma jsegwux ir-regoli speċifikati mhux ser jiġu aċċettati.

Għal xi mistoqsijiet oħra, jekk jogħġbok ibgħat email fuq info.sem@gov.mt.