L-Unjoni Ewropea tnaqqas l-użu tal-plastik

Artiklu miktub minn Michela Meli – Uffiċjal Esekuttiv, Komunikazzjoni u Outreach, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Il-plastik jinsab kullimkien, huwa rħis, konvenjenti u ħafif. Iżda dawn l-aħħar snin kulħadd sar konxju li l-użu tiegħu, speċjalment dak li jintuża darba biss, għal ftit minuti, jista’ jdum sa mijiet ta’ snin fl-ambjent tagħna, u qiegħed iwassal għal konsegwenzi serji. Fil-fatt, l-Ewropa tipproduċi mat-58 biljun kg ta’ plastik kull sena, li inqas minn 30% minnu jinġabar biex jiġi riċiklat. Jekk nibqgħu sejrin hekk, hu mbassar li sal-2050 fl-ibħra tagħna se jkun hawn aktar plastik milli ħut.

B’dawn il-fatti quddiemna ma nistgħux ma niħdux azzjoni biex inbiddlu kompletament il-mod kif nużaw il-plastik u fejn hu possibbli nevitaw li nużawh billi nsibu modi alternattivi u li huma aktar favur l-ambjent u favur saħħitna.

Il-plastik li jintuża darba biss u jintrema wara perjodu qasir ħafna ta’ użu, jgħodd għall-maġġoranza l-kbira tal-iskart tal-plastik li nsibu ma’ kullimkien, mal-kosta tal-pajjiżi u l-baħar fl-Ewropa u fid-dinja. Dan il-plastik huwa theddida għall-ħajja tal-baħar minħabba li maż-żmien, taħt l-effett ta’ mewġ, il-kurrenti u d-dawl naturali, jitkisser f'biċċiet żgħar ħafna. Dawn il-biċċiet jittieklu jew jinbelgħu mill-ispeċi tal-baħar u jispiċċaw fil-prodotti li nieklu, b’detriment għas-saħħa tagħna.

L-effetti ħżiena tal-użu eċċessiv tal-plastik qegħdin iħarbtu l-ekosistema li aħna nagħmlu parti minnha. Dan jitlob azzjoni serja biex jitnaqqas l-ammont ta’ plastik li qed jiġi ġġenerat u mormi.

L-Unjoni Ewropea ilha għal ħafna snin tieħu azzjoni permezz ta’ liġijiet favur l-ambjent li jwassluna nadottaw prattiċi sostenibbli permezz tat-tnaqqis tal-iskart, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-prodotti li nużaw. Lil hinn milli nkunu aktar responsabbli kif nittrattaw l-iskart, l-Unjoni Ewropea qiegħda taħdem qatigħ biex timplimenta l-Patt Ekoloġiku Ewropew li għandu jwassal biex ikollna ħajja iktar favur l-ambjent u l-klima u iktar b’saħħitha.

Fl-2019, pereżempju, l-Unjoni Ewropea adottat liġi importanti biex trażżan it-tniġġis tal-plastik li jintuża darba. Id-Direttiva 2019/904 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent daħlet fis-seħħ anki f’pajjiżna minn din is-sena.

Id-Direttiva tistabbilixxi numru ta’ miżuri effettivi mmirati għall-aktar għaxar prodotti tal-plastik li l-bajjiet fl-Ewropa huma miżgħuda bihom, fosthom stikek tal-‘cotton buds’, pożati bħal frieket u skieken, platti, straws, stikek tal-bżieżaq, tazzi u kontenituri tal-ikel u tax-xorb, u l-prodotti kollha magħmula minn plastik li mhux degradabbli. Id-Direttiva tirrikjedi li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu t-tqegħid ta’ dawn il-prodotti fis-suq, inaqqsu l-konsum tal-plastik, iżidu l-obbligi fuq il-manifatturi, jiżdied ir-riċiklar, tiżdied l-informazzjoni fit-tabelli fuq il-prodotti tal-plastik u jiżdied l-għarfien tal-konsumatur.

Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li waqqfet l-importazzjoni ta’ diversi prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mill-1 ta’ Jannar 2021, u fil-bidu ta’ din is-sena twaqqaf kompletament il-bejgħ ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Minflok, qegħdin jinbiegħu prodotti magħmulin minn materjali alternattivi u degradabbli. Min-naħa l-oħra, fuq prodotti bħal wet wipes, prodotti tat-tipjip, prodotti tal-iġene personali, u tazzi, fejn għadhom mhux disponibbli prodotti alternattivi, jeħtieġ li jkun hemm fuqhom tabella li tavża li l-prodott fih il-plastik, biex b’hekk jiġi mħeġġeġ ir-riċiklaġġ.

Aħna wkoll għandna nagħmlu li nistgħu biex niġġieldu din il-problema billi nirriċiklaw, ma nħallux skart warajna fejn inkunu u nevitaw milli nużaw dawk il-prodotti li mhumiex riċiklabbli. B’hekk aħna wkoll inkunu qegħdin nagħmlu differenza konsiderevoli fil-ġejjieni tal-ambjent tagħna u ta’ ħajjitna.

Biex inkomplu nqajmu l-għarfien dwar dan kollu, l-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, ser inkunu qegħdin inżuru erba’ lokalitajiet differenti fejn isir il-monti, fejn ser nagħtu informazzjoni dwar l-użu tal-plastik, x’qiegħda tagħmel l-Unjoni Ewropea u x’nistgħu nagħmlu kull wieħed u waħda minnha.

Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar is-suġġett, tista’ żżurna nhar it-Tnejn 18 t’April fil-pjazza tal-Mosta, it-Tlieta 19 t’April viċin il-kunsill lokali f’Bormla, l-Erbgħa 20 t’April faċċata taċ-ċentru ċiviku f’Birkirkara, u s-Sibt 23 t’April f’Misraħ il-Granmastru f’Ħal Qormi. Ma’ din l-inizjattiva hi marbuta wkoll kompetizzjoni li hemmekk tkun tista’ tikseb iktar informazzjoni dwarha.

Flimkien nistgħu nagħmlu differenza u nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna għalina u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.