Niċċelebraw l-20 sena ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Leanne Magro – SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

Il-gżejjer ċkejknin tagħna fil-qalba tal-Mediterran huma kbar fl-identità tagħhom bi storja għanja u kultura vibranti. L-arċipelagu Malti hu sħiħ fit-tradizzjoni u l-patrimonju li ilhom għal sekli sħaħ f’salib it-toroq taċ-ċivilizzazzjonijiet.

Fl-1 ta’ Mejju niċċelebraw l-20 anniversarju fl-Unjoni Ewropea, meta Malta daħlet għal kapitlu ieħor fl-istorja tagħha.

Iż-żewġ deċennji ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea huma okkażjoni f’waqtha biex nirriflettu fuq dan il-vjaġġ, bl-opportunitajiet u l-benefiċċji li ġab miegħu, kif ukoll ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet li dħalna għalihom bħala Stat Membru ta’ dan it-tielet l-ikbar blokk ekonomiku fid-dinja.

L-esperjenza fl-Unjoni Ewropea ppreżentat lil Malta b’għadd kbir ta’ opportunitajiet għat-tkabbir, l-iżvilupp u l-prosperità. Minn mindu ssieħbet, minkejja l-isfidi, Malta nbidlet f’ħafna modi u ġabet ‘il quddiem il-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħha.

Din is-sħubija wasslet għal żviluppi politiċi, ekonomiċi u soċjali fundamentali. Forsi l-ikbar effett tas-sħubija kien li fetħet il-bibien għal suq uniku u l-moviment ħieles tal-persuni, prodotti, servizzi u kapital ta’ ftit inqas minn 450 miljun, u pprovda lin-negozji Maltin b’aċċess mingħajr preċedent għal firxa wiesgħa ta’ swieq u opportunitajiet għall-espansjoni.

L-appoġġ ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea saħħaħ l-infrastruttura ta’ Malta bħat-toroq, ir-riġenerazzjoni ta’ bliet u rħula, ir-restawr ta’ diversi knejjes u siti storiċi. Il-fondi Ewropej stimulaw l-innovazzjoni f’diversi setturi, fosthom l-intrapriżi u l-agrikultura, kif ukoll tejbu servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, ir-rispons tal-emerġenza u tal-immaniġġjar tal-ilma u l-iskart.

L-Unjoni Ewropea ffaċilitat ukoll l-ivjaġġar bejn il-fruntieri fi ħdan l-Ewropa, grazzi għaż-żona Schengen. Mil-lat finanzjarju, bid-dħul fiż-żona tal-Ewro fl-2008, Malta naqqset ħafna r-riskji marbuta ma’ munita żgħira.

Malta rat ukoll titjib fl-istandards tal-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-konsumaturi u wittiet it-triq għall-avvanz ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli. L-Unjoni Ewropea serviet ta’ sieħeb sod fil-mixja ta’ Malta lejn aktar prosperità u kompetittività fix-xena globali.

Barra minn hekk il-programm Erasmus+ ippermetta lill-istudenti Maltin jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom, ippromwova l-iskambji ma’ żgħażagħ f’pajjiżi oħra Ewropej u rawwem fihom ħiliet meħtieġa għall-futur.

Il-prinċipji u l-valuri tal-identità Ewropea kienu wkoll strumentali fl-appoġġ għall-isforzi biex Malta tindirizza l-isfidi soċjali u tippromwovi l-inklużjoni soċjali. Permezz ta’ diversi fondi u inizjattivi ta’ koeżjoni, l-Unjoni Ewropea għenet biex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali sabiex jiġi żgurat li l-ebda ċittadin ma jitħalla lura fil-mixja ta’ Malta lejn il-prosperità.

Għalkemm pajjiż żgħir, Malta tista’ ssemma’ l-opinjonijiet tagħha dwar il-kwistjonijiet politiċi li qed tiffaċċja l-Ewropa u d-dinja. Fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta tkun fuq il-mejda tat-teħid tad-deċiżjonijiet mas-26 Stat Membru l-ieħor. Fil-Kummissjoni Ewropea, Malta għandha l-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli.

Fil-Parlament Ewropew, Malta għandha sitt rappreżentanti eletti li jgħinu fit-tfassil tal-aġenda tal-UE dwar diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw liċ-ċittadini Maltin.

Minkejja li Malta hija l-iżgħar stat membru, l-esperjenza wrietna li xorta waħda nistgħu nieħdu rwol attiv fil-formazzjoni tal-politika Ewropea. Fl-ewwel sitt xhur tal-2017, Malta kellha ukoll f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn mexxiet numru ta’ diskussjonijiet.

Filwaqt li Malta ggwadanjat mill-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea, refgħet b’ responsabbiltà d-dmirijiet bħala Stat Membru, b’impenn lejn il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Numru ta’ sfidi, bħat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli jpoġġu miri mhux żgħar għaċ-ċokon ta’ pajjiżna, iżda l-ħidma u l-appoġġ tal-Istati Membri l-oħra, jgħinu lil Malta tistinka biex tkun aktar reżiljenti, moderna u inklussiva.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-20 sena sħubija fl-Unjoni Ewropea, ma nirriflettux biss fuq il-kisbiet tal-passat iżda nħarsu wkoll ‘il quddiem b’ottimiżmu u b’determinazzjoni li nkomplu nibnu futur fejn Malta tkompli tirnexxi bħala Membru tal-Unjoni Ewropea.

L-ewwel okkażjoni li fiha nistgħu nagħmlu dan hija l-elezzjonijiet Ewropej tat-8 ta’ Ġunju. Il-vot ta’ kull wieħed u waħda minna juri li aħna parti minn dan kollu.