Nisfruttaw l-Opportunitajiet: 20 sena ta’ sħubija fl-UE

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Wara snin ta’ deliberazzjoni, negozjati, u dibattiti, fl-1 ta’ Mejju 2004 Malta saret wieħed mill-Istati Membri tal-UE, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra. Il-ġurnata mmarkat kapitlu ġdid għal Malta, u tat bidu għal relazzjoni li bidlet u sawret lil Malta f’dik li hi llum.

Matul dawn l-20 sena, Malta bbenefikat minn miljuni ta’ fondi li appoġġjaw sensiela ta’ proġetti, bħal xogħlijiet ta’ restawr ta’ siti storiċi, infrastruttura tat-toroq, modernizzazzjoni ta’ sistemi u tagħmir agrikolu, il-bini ta’ skejjel ġodda u faċilitajiet tas-saħħa, biex insemmu xi wħud. Il-fondi tal-UE ġew investiti wkoll f’taħriġ u fit-titjib tal-ħiliet, fl-iskambju tal-għarfien u biex jgħinu gruppi vulnerabbli.

Barra minn hekk, il-fondi tal-UE għenu lin-negozji żgħar u medji, u lill-għaqdiet mhux governattivi u volontarji, li ħadu fondi Ewropej għat-tkabbir, it-taħriġ u d-diversifikazzjoni. Il-fondi tal-UE xprunaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi programmi bħall-ERASMUS+.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-fondi tal-UE għenu lill-pajjiż itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jkompli jimmodernizza l-ekonomija b’modi sostenibbli.

Evidentement, l-aċċess ta’ Malta għas-suq waħdieni tal-UE fetaħ dinja ġdida ta’ opportunitajiet, li tippermetti liċ-ċittadini jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu fi Stati Membri differenti, u ħeġġet oħrajn jagħmlu l-istess f’Malta.

L-adozzjoni tal-Ewro fl-1 ta’ Jannar 2008, żiedet l-istabbiltà, tnaqqas iċ-ċaqliq tar-rata tal-kambju u ta lil Malta l-aċċess għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea, filwaqt li offra likwidità fit-taqlib finanzjarju u kriżijiet oħra. Din it-tranżizzjoni ġabet tkabbir ekonomiku sostanzjali, billi ttrasformat servizzi bħall-ospitalità, l-edukazzjoni, it-turiżmu, u l-finanzi, fost l-oħrajn.

Filwaqt li Malta bbenefikat mis-sħubija fl-UE b’diversi modi, hija assumiet ukoll l-obbligi u r-responsabbiltajiet bħala Stat Membru, b’impenn lejn il-liġijiet applikabbli madwar l-UE u l-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Għadd ta’ sfidi, bħat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, jistabbilixxu miri ambizzjużi għad-daqs żgħir ta’ pajjiżna, iżda l-ħidma u l-appoġġ ta’ Stati Membri oħra, jgħinu lil Malta tistinka biex tkun aktar reżiljenti, moderna u inklużiva.

Peress li Malta hija l-iżgħar membru tal-UE, spiss jingħad li l-vuċi ta’ Malta hija irrilevanti jew mhux meqjusa. Madankollu, is-sħubija fl-UE tat lil Malta pjattaforma biex issemma’ l-opinjonijiet tagħha u jkollha sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-UE jittieħdu b’kunsens, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza tal-vot ta’ kull Stat Membru. Ir-rappreżentanza ta’ Malta fil-Parlament Ewropew, magħmula minn sitt membri, tagħti lin-nazzjon l-opportunità li jinfluwenza l-aġenda tal-UE dwar kwistjonijiet pertinenti. Bi President tal-Parlament u Kummissarju Ewropew, is-sħubija ta’ Malta toffri wkoll pjattaforma sinifikanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE.

Meta wieħed iħares lura lejn il-vjaġġ ta’ Malta, huwa evidenti li s-sħubija fl-UE ppermettiet lill-pajjiż jisfrutta l-potenzjal tiegħu u jiffjorixxi f’setturi differenti, kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak internazzjonali. Hekk kif iċ-ċittadini Maltin jirriflettu fuq dan il-progress, jistgħu jkunu kburin fil-kisbiet tan-nazzjon tagħhom u jaħdmu b’ottimiżmu għal futur ta’ iktar tkabbir u prosperità fl-UE.