Unjoni li Tippromwovi l-Involviment taċ-Ċittadini

Artiklu miktub minn Rebecca Zammit, Uffiċjal Eżekuttiv, SEM

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont

L-Unjoni Ewropea (UE) hija msejsa fuq valuri fundamentali bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija u l-ugwaljanza. Fiż-żminijiet tal-lum, meta s-soċjetajiet Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma’ estremiżmu, radikaliżmu u diviżjonijiet, huwa importanti iżjed minn qatt qabel li nsaħħu dawn id-drittijiet u l-valuri. Jekk dan ma jsirx, is-soċjetajiet Ewropej fl-Istati Membri jitilfu l-pedament komuni li fuqu hu mibni l-proġett Ewropew.

Għaldaqstant, it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea huwa prijorità għall-UE, għaliex dan jassigura li aħna ċ-ċittadini ninżammu fil-qalba tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jkollna rwol attiv fit-trawwim ta’ dawn il-valuri tant importanti għall-kwalità tal-ħajja u l-identità Ewropea tagħna.

Biex dan iseħħ, l-UE saħansitra talloka fondi li bihom toffri opportunitajiet biex ċittadini Ewropej jipparteċipaw fil-proċess tad-djalogu demokratiku. Il-programm ta’ fondi tal-UE dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri joffri numru ta’ opportunitajiet biex fil-kuntest Ewropew, dan id-djalogu ma jkunx limitat mill-fruntieri nazzjonali. Għaldaqstant, dawn il-fondi jiffinanzjaw proġetti li jsaħħu l-koperazzjoni u d-diskussjoni fuq livell transnazzjonali. B’hekk, dawn il-fondi jgħinu sabiex ċittadini Ewropej jiltaqgħu fiżikament ma’ nies minn pajjiżi oħra, jifhmu r-realtajiet differenti ta’ xulxin, u biex b’mod tanġibbli jħossuhom verament membri ta’ soċjetà Ewropea waħda.

Fost dawn l-opportunitajiet nistgħu nsemmu żewġ tipi ta’ proġetti li jiġu ffinanzjati minn dan il-Pogramm ta’ fondi: ġemellaġġi bejn l-irħula Ewropej, u Networks ta’ Bliet. Dawn il-proġetti jistgħu japplikaw għalihom kunsilli lokali jew inkella għaqdiet mhux governattivi li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali. L-iskop ta’ dawn il-proġetti huma li l-parteċipanti tagħhom, jiġifieri ċ-ċittadini ta’ dawn il-lokalitajiet, ikollhom esperjenza tanġibbli li tgħinhom jifmu u jirriflettu fuq xi tfisser li aħna soċjetà waħda Ewropea.

Ġemellaġġi jistgħu jiġu organizzati bejn minimu ta’ żewġ entitajiet eliġibbli minn żewġ pajjiżi Ewropej biex ilaqqgħu ċ-ċittadini tagħhom flimkien. Waqt dan l-iskambju, iċ-ċittadini jingħataw pjattaforma fejn jiddiskutu kwistjonijiet komuni, u jitkellmu wkoll fuq x’tipi ta’ soluzzjonijiet jistgħu jitwettqu biex jindirizzawhom - kemm fuq livell lokali iżda wkoll fuq dak nazzjonali u Ewropew. Pereżempju, ġemellaġġi jistgħu jindirizzaw suġġetti bħall-impatt tal-pandemija fuq il-komunitajiet lokali, l-integrazzjoni u s-solidarjetà, il-futur tal-Ewropa, u l-importanza tad-djalogu interkulturali u l-ftehim reċiproku. Tipikament, dawn il-ġemellaġġi jikkonsistu f’attività waħda fuq medda ta’ madwar tlieta jew erbat ijiem.

Min-naħa l-oħra, Networks ta’ Bliet jimxu fuq kunċett simili tal-ġemellaġġi, bid-differenza li fi proġett bħal dan, kunsilli lokali jew għaqdiet mhux governattivi li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali, jibnu koperazzjoni bejniethom fuq medda ta’ żmien itwal. Waqt li l-ġemellaġġi jikkonsistu biss minn attività waħda ta’ ftit jiem, f’Networks ta’ Bliet huwa mistenni li jipparteċipaw minn tal-inqas ħames entitajiet minn ħames pajjiżi biex flimkien iwettqu minimu ta’ żewġ attivitajiet f’minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti. B’hekk, permezz ta’ Networks ta’ Bliet tinbena relazzjoni aktar sostenibbli u fil-fond bejn l-entitajiet parteċipi fi proġett.

Dawn iż-żewġ tipi ta proġetti jiġu ffinanzjati permezz ta’ għotja ta’ somma ta’ flus li fil-każ ta’ proġetti ta’ ġemellaġġi tinħadem fuq in-numru ta’ parteċipanti involuti biss filwaqt li fil-każ ta’ Networks ta’ Bliet jiġi kkunsidrat ukoll in-numru ta’ pajjiżi li jieħdu sehem fil-proġett.

Sal-aħħar ta’ din is-sena, ser jinfetħu s-sejħiet għal proġetti ta’ ġemellaġġi u kif ukoll ta’ Networks ta’ Bliet. Id-data ta’ skadenza sabiex jiġu sottomessi l-proposti għall-proġetti hija l-24 ta’ Marzu, 2022.

L-aġenzija governattiva Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) toffri servizz bla ħlas u personalizzat lil entitajiet mhux governattivi, kunsilli lokali, skejjel, u entitajiet governattivi biex japplikaw b’suċċess għall-fondi kollha Ewropej. SEM tagħti informazzjoni dwar x’fondi huma disponibbli għall-entità konċernata, kif ukoll għajnuna fl-iżvilupp tal-proġett, u saħansitra anke fil-mili tal-formola tal-applikazzjoni nnifisha. L-assistenza tkompli wkoll waqt l-implementattzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-sejħiet jew opportunitajiet oħra ta’ fondi tal-UE tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt, jew billi żżur il-websajt https://sem.gov.mt/.