Interreg Italia-Malta: Ngħaqqdu l-Fruntieri għal iktar Prosperità

Artiklu ppubblikat fuq newsbook.com.mt

Għal ħafna snin, l-Unjoni Ewropea użat il-politika reġjonali tagħha sabiex tappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-kwalità ta’ ħajja aħjar. L-għan aħħari ta’ din il-politika, magħrufa wkoll bħala l-politika ta’ koeżjoni, huwa li jiġu indirizzati l-iżbilanċi territorjali, soċjali u ekonomiċi li jeżistu bejn ir-reġjuni differenti tal-UE.

Wieħed mill-istrumenti importanti tal-UE biex jintlaħaq dan l-għan huwa l-fergħa ta’ finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali msejħa Interreg. . Dawn il-fondi jintużaw biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri tal-UE.

Malta tibbenefika mill-programm ta’ finanzjament Interreg Italia-Malta, li jħeġġeġ sħubijiet bejn diversi organizzazzjonijiet u entitajiet f’Malta u fi Sqallija, bħala reġjuni ġirien li għandhom diversi opportunitajiet u sfidi komuni.

Il-programm ta’ finanzjament Interreg Italia-Malta għall-2021–2027 għandu l-għan li jippromwovi t-tkabbir tan-negozji ż-żgħar, l-iżvilupp sostenibbli, u t-trasferiment tat-teknoloġija f’diversi oqsma, bħall-ekonomija ekoloġika, l-ekonomija ċirkolari, u s-saħħa. Għar-reġjun tal-Mediterran, b’mod partikolari l-isfidi ambjentali bħat-tniġġis u l-erożjoni kostali, huma prijorità. Il-programm għandu wkoll l-għan li jindirizza l-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali u naturali.

Dawn il-fondi jagħmluha possibbli li universitajiet, istituzzjonijiet tar-riċerka, negozji, u organizzazzjonijiet mhux governattivi, jissieħbu flimkien biex jiżviluppaw u jsibu soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi komuni.

Interreg Italia-Malta mhuwiex biss dwar il-fondi. Interreg Italia-Malta jrawwem il-koperazzjoni u t-tkabbir reċiproku, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli fiż-żewġ reġjuni.

Is-sejħa għal sottomissjonijiet ta’ proġetti ta’ koperazzjoni taħt il-programm INTERREG VI-A Italia-Malta bħalissa hija miftuħa. Is-sejħa timmira lejn proposti ta’ proġetti li huma relatati ma’ oġġettivi speċifiċi id f’id ma’ l-erba’ prijoritajiet tal-programm li jinkludu r-riċerka u l-innovazzjoni, il-preservazzjoni ambjentali, il-kapital soċjali, u t-titjib tal-governanza. Il-benefiċjarji eliġibbli jridu jinvolvu mill-inqas sieħeb wieħed minn kull Stat Membru parteċipanti. Din is-sejħa hija miftuħa sal-4 ta’ April 2024. Sessjoni ta’ informazzjoni dwar din is-sejħa hija skedata għall-11 ta’ Marzu 2024.

Matul is-snin, Interreg Italia-Malta wassal għal diversi proġetti li li jindirizzaw sfidi komuni u jrawmu l-kollaborazzjoni bejn l-Italja u Malta. Il-proġett ITAMA, pereżempju, iffoka fuq it-tisħiħ tal-kura tas-saħħa bit-titjib tad-dijanjożi ta’ mard bħas-coeliac fir-reġjun tal-Mediterran. Permezz ta’ għodod innovattivi tal-ICT u trasferiment tat-teknoloġija, il-proġett ITAMA kellu l-għan li joħloq network bejn is-setturi tar-riċerka u tal-kura tas-saħħa.

Fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali, il-proġett BIOBLU indirizza l-kwistjoni tal-fdalijiet tal-plastik u tal-mikroplastik li jniġġsu l-ibħra u l-bajjiet. Bl-iżvilupp ta’ prototip innovattiv li jaħdem permezz tat-teknoloġija avvanzata u l-awtomatizzazzjoni, BIOBLU, kellu l-għan li jippromwovi mod ġdid ta’ ġestjoni għall-iskart, li jiddependi fuq teknoloġiji u għarfien ġodda. Dan il-proġett seħħ grazzi għal kollaborazzjoni reċiproka bejn istituzzjonijiet bħall-Università ta’ Malta, il-Ministeru għal Għawdex, u diversi universitajiet fi Sqallija.

Il-proġett SIMIT-THARSY kien maħsub biex jindirizza kwistjonijiet relatati mal-monitoraġġ, l-ippjanar ta’ emerġenza, u s-sistemi ta’ twissija għal terremoti fil-Mediterran. B’enfasi fuq ir-reġjun tal-Kanal ta’ Sqallija u l-kosta tal-Lvant ta’ Sqallija, SIMIT-THARSY tejjeb u implimenta sistemi ta’ protezzjoni ċivili. Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Palermo, l-Università ta’ Catania, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta, u l-Università ta’ Malta, dan il-proġett tejjeb il-kapaċitajiet ta’ rispons għall-emerġenzi.

Dawn il-proġetti u diversi oħrajn juru l-impatt tanġibbli tal-fondi tal-Politika Reġjonali tal-UE fil-promozzjoni tal-kollaborazzjoni, l-innovazzjoni, u l-iżvilupp sostenibbli bejn il-fruntieri, għal futur aktar reżiljenti u ta’ prosperità, kemm għal Malta kif ukoll għall-Italja.

Għal aktar informazzjoni jew assistenza rigward Interreg Italia-Malta VI-A 2021–2027, jekk jogħġbok ikkuntattja lil SEM fuq sem.gov.mt, info.sem@gov.mt jew 2779 7300.